Introduzzjoni -
minn George Calleja (Principal Education Officer)

L-użu ta' l-IT fit-tagħlim ta' l-ISTORJA:

Matul l-aħħar snin kien hemm interess dejjem jikber fl-iskejjel biex isir iżjed użu mill-kompjuter fit-tagħlim. Ħafna għalliema laqgħu din l-isfida u żviluppaw risorsi differenti permezz tal-kompjuter. Dan hu mod li jista' jtejjeb it-tagħlim f’ħafna aspetti u jagħmlu iżjed attraenti. Il-kompjuter jgħinna biex niżviluppaw riżorsi varji li jistgħu jiġu ppreżentati b'mod li l-istudenti jinteressaw ruħhom iżjed fis-suġġett. Iżda l-użu tal-kompjuter ma jtejjibx awtomatikament il-kwalità tat-tagħlim. Għandhom jiġu żviluppati metodi mill-għalliem/a li jgħinu biex ir-riżorsi użati jkunu tabilħaqq effettivi. Għalhekk l-użu tal-kompjuter fit-tagħlim għandu jiġi applikat b’ċertu ħsieb mill-għalliema.

Ħuma għandhom jiżviluppaw il-kunfidenza neċessarja li jużaw dawn ir-riżorsi. Għandhom japprezzaw il-fatt li l-użu ta' dawn ir-risorsi jista’ jbiddel il-mod ta' kif kull suġġett jista' jiġi ppreżentat. Għalhekk għandhom jużaw l-esperjenza tagħhom biex jagħżlu risorsi li jgħinuhom l-aktar biex jilħqu l-oġġettivi tagħhom.  Huma għandhom jippjanaw u jippreparaw lezzjonijiet ibbażati fuq l-użu ta' dawn ir-risorsi u jiżviluppaw il-fehma fl-istudenti billi jħajruhom jaħsbu iżjed u jirriflettu fuq dak li jkunu qraw. Dan jimplika wkoll li huma jista' jkollhom jorganizzaw il-klassi tagħhom aħjar biex it-tagħlim ikun iżjed effettiv.

Il-kompjuter joffri l-opportunità li tikkomunika ma’ ħafna studenti b’mod individwali. B’hekk trid tiġi żviluppata pedagoġija li tħares l-interessi u l-bżonnijiet individwali ta' l-istudenti mingħajr ma dawn ikunu influwenzati minn dak li jkun qiegħed jagħmel ħaddieħor. Fl-aħħar mill-aħħar l-abilità li jfittxu u jagħrblu l-informazzjoni mingħajr dubju ser tkun fattur determinanti fil-futur għal kull individwu biex dan ikun jista' jintegra ruħu mhux biss fid-dinja tax-xogħol iżda anki fl-ambjent soċjali u kulturali.

Kien ilu jinħass il-bżonn li l-għalliema u l-istudenti jkollhom xi materjal biex jgħinhom fit-tagħlim ta' l-istorja. Għalhekk ġiet żviluppata  din il-website li għandha tgħin biex l-istudenti jinteressaw ruħhom iżjed fis-suġġett u b’hekk japprezzaw aħjar l-istorja ta' pajjiżna u jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' ħsieb u analiżi fil-kuntest storiku. B’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw ħiliet assoċjati mat-tagħlim ta' l-istorja eż. sekwenza, kronoloġija, analiżi u interpretazzjoni ta' sorsi, empatija u kitba kreattiva ta' natura storika. Barra minn dan isservi wkoll bħala mezz biex isir xogħol fi gruppi jew xogħol individwali fil-klassi jew id-dar. Tista’ timla wkoll il-vojt li hemm ukoll f’xi klassijiet li ma jużaw l-ebda textbook.

Din il-website tinkludi taqsima ġenerali li fija wieħed isib is-sillabi differenti ta' l-iskejjel ta' l-Istat, l-għanijiet ġenerali u l-oġġettivi ta' l-assessjar f’dawn l-eżamijiet u l-livelli ta' tagħlim fl-istorja. Fiha wkoll taqsimiet differenti li jittrattaw temi li għandhom x’jaqsmu mas-sillabi ta' l-istorja ta' l-iskejjel sekondarji minn Forms 1 sa 5 u dawk ta' l-Istudju Soċjali ta' l-aħħar sena ta' l-Iskola Primarja, flimkien ma’ numru ta' taħriġ dwarhom. L-aħħar taqsima imbagħad fiha indiċi alfabetiku u artikli varji li jittrattaw dwar aspetti differenti dwar it-tagħlim ta' l-istorja.

Materjal bħal dan jista' jagħti lok għal diskussjoni fil-klassi u partiċipazzjoni iżjed attiva mill-istudenti.  Sa fejn kien possibli inżamm bilanċ bejn il-komponenti differenti tas-suġġett bħal ma huma t-tagħrif, il-fehma u l-kunċetti u l-ħiliet. B'hekk l-istudenti ma jkunux qegħdin jibilgħu tagħrif biss fuq is-suġġett izda jkunu jistgħu jifhmu u janalizzaw dak li jkun qiegħed jiġi mgħallem lilhom.  Fl-aħħar mill-aħħar it-tagħlim ta' l-istudenti hu l-aħjar meta huma jiġu sfidati biex jaħsbu fuq il-mod kif huma jħarsu lejn l-affarijiet. L-għajnuna ta' l-għalliem/a hija importanti ħafna biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħsbu f'kuntest storiku. L-għalliema għandhom jieħdu r-rwol ta' gwida li jiffaċilita aħjar it-tagħlim minkejja li l-ippjanar tal-lezzjoni jibqa dejjem  f’idejhom.

Parti mill-attivitajiet fuq din il-website jidhru li jistgħu jservu biss bħala drill. L-għalliem għandu joqgħod attent kif juża dawn l-eżerċizzi u ma jibbażax il-lezzjoni sħiħa tiegħu fuqhom. L-użu tajjeb ta' din il-website mill-għalliem huwa importanti ħafna għas-suċċess tat-tagħlim li jkun qiegħed jingħata lill-istudenti.

Fl-aħħar nixtieq nirringrazzja pubblikament lil dawk kollha li taw sehemhom biex din il-website issir realtà u speċjalment lis-sur Tony Pace, koordinatur fis-sezzjoni ta' l-Istorja fid-Dipartiment tal-Kurrikulu, ta' l-interess u l-paċenzja li ħa biex organizza dan il-materjal. Ix-xogħol tiegħu għandu tabilħaqq jagħti spinta lit-tagħlim ta' l-istorja fl-iskejjel tagħna.

George Calleja
Principal Education Officer